Il-Caritas Malta b’kollaborazzjoni mal-Istitut tal-informatika,teknoloġija u kommunikazzjoni tal-MCAST, nediet materjal aġġornat edukattiv u preventiv għall-iskejjel mill-year 6 sa form 4. Dan il-materjal se jkun interattiv u jitkellem bil-lingwa teknoloġika li tolqot lill-istudenti u se jiffoka prinċipalment dwar l-iżvillup tal-persuna, li wieħed jirrispetta u jħobb lilu nnifsu u bi dritt li jkun maħbub u li jitgħallem iħobb u jirrispetta lil ta’ madwaru. Il-materjal se jiswa ta’ għoddod f’idejn it-tfal sabiex ikunu assertivi, posittivi u altruisti u jġib it-titlu “ The Awesome happy me”.
Il-Caritas Malta ilha għal dawn l-aħħar 20 sena tagħti servizz fl-iskejjel bi programmi ta’ prevenzjoni imma din is-sena, bħal ma sar minn żmien għal żmien il-programm FOCUS ġie rivedut.
Id-Direttur ta’ Caritas Malta, is-Sur Leonid McKay, irringrazzja lid-direttur tal-IICT tal-MCAST, is-Sur Konrad Vassallo li bis-sehem ta’ għalliema u studenti ta’ dan il-kulleġġ ġie mfassal dan il-proġett teknoloġiku li nħadem mat-tim tal-prevenzjoni tal-Caritas immexxi mis-Sur Alex Attard. Is-Sur Mckay temm jgħid li l-Caritas għaddejja minn proċess fejn qed taġġorna mhux biss ix-xelters ta’ riabilitazzjoni mill-abbuż tad-droga imma wkoll qed tinvesti fejn tidħol il-prevenzjoni u l-edukazzjoni. Il-Kontenut ġie rivedut minn tim ta’ professjonisti inkluż PSD teachers li jaħdmu f’dal qasam. Is-Sinjura Doris Dimech li għandha esperjenza ta’ ħafna snin bħala għalliema u PSD teacher kienet waħda mill-imħuħ wara l-aġġornament tal-materjal li ħadmet id f’id mat-tim tal-prevenzjoni fi ħdan il-Caritas u mat-tim tal-MCAST.
Id-Direttur tal-IICT tal-MCAST, is-Sur Konrad Vassallo, irringrazzja lill-Caritas tal-opportunità li tat lill-istudenti li daħlu għal din l-isfida u rringrazzja lil Jean Paul Tabone, Silvio Nocilla u Mark Sultana li ħadmu mal-istudenti fuq dan il-proġett.
Ġiet imniedi wkoll is-sit tal-Caritas li huwa www.caritasmalta.org li wkoll se jagħti ċ-ċans li jkun iktar interattiv u jagħti widen lil min irid jikkomunika b’mod elettroniku mal-Caritas.