Lokali: Sessjonijiet b’xejn tal-coding bħala parti mill-EU Code Week

Illum ngħixu f’dinja li qed issir mod ieħor b’ritmu mgħaġġel u tinbidel minħabba l-iżviluppi kontinwi fit-teknoloġija. Il-mod ta’ kif naħdmu, nikkomunikaw, nixtru u naħsbu nbidlu drammatikament u biex inlaħħqu ma’ dan it-tibdil mgħaġġel u nagħmlu sens mad-dinja ta’ madwarna, mhux biss irridu niżviluppaw it-tagħlim tagħna dwar kif taħdem it-teknoloġija imma rridu wkoll niżviluppaw ħiliet diġitali li jgħinu lilna stess biex noħolqu affarijiet ġodda. Dan il-proċess minn naħa tiegħu diġà ħoloq livell differenti ta’ kreattività u b’hekk jagħmilha possibbli li jkun hemm kollaborazzjonijiet ġodda li jwasslu għal riżultati eċċitanti.

Il-coding hu dak li jagħmililna possibbli biex noħolqu software għall-kompjuter, apps u siti tal-internet. Il-browser tiegħek, l-OS tiegħek, l-apps fuq il-mobajl, Facebook u l-pjattaformi varji tas-social media huma kollha magħmula bil-code. Fil-forma sempliċ tiegħu, il-code iħalli lil kulħadd joħloq sit fuq l-internet, blog u anki jibni app sempliċi għal mobajl. Imma fuq kollox il-coding jgħinna biex nifhmu aktar dwar it-teknoloġja li kontinwament qed tfassal mill-ġdid id-dinja tagħna.

Waqt it-tielet edizzjoni tal-EU Code Week, bejn l-10 u t-18 ta’ Ottubru 2015, madwar l-Ewropa se jkunu organizzati eluf ta’ avvenimenti tal-coding maħsuba għat-tfal, żgħażagh u adulti. Għal darb’oħra miljuni ta’ tfal, żgħażagħ, adulti, ġenituri, għalliema, imprendituri u dawk li jfasslu l-politika madwar l-Ewropa se jingħaqdu flimkien f’avvenimenti u klassijiet biex jitgħallmu kif jesperimentaw u joħolqu affarijiet ġodda bil-code.

F’Malta, il-Fondazzjoni eSkills Malta b’kollaborazzjoni mal-MCAST, qed torganizza sensiela ta’ korsijiet qosra dwar suġġetti differenti bħal kif tiżviluppa l-ewwel app għall-mobajl tiegħek, kif tibni sit fuq l-internet jew blog, kif tiddisinja logical network u wkoll kif tista’ tagħmel użu mill-Python u s-C#.  

Dawn it-tmien sessjonijiet huma miftuħa għal kulħadd (dment li min japplika jkollu l-ħiliet bażiċi fil-kompjuter) u huma bla ħlas. L-ewwel sessjoni se ssir nhar is-Sibt li ġej, 10 ta’ Ottubru 2015. L-għan tagħhom hu li juri lill-parteċipanti kif jistgħu joħolqu affarijiet ġodda billi jużaw il-coding b’mod sempliċi u prattiku.

Għal aktar informazzjoni dwar dawn is-sessjonijiet matul l-EU Code Week jekk jogħġbok żur www.eskills.org.mt/codeweek15.